News
Medserv news and media resources
Drilling muds manufacturer - Medserv Energy
Ħidma u koperazzjoni li qed tħalli l-frott
27/06/2018

Source: inews Malta 



L-iżviluppi u l-investiment li qed tgħamel il-kumpanija Med Serv f’dak li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi lill-klijenti u taħriġ lill-ħaddiema tagħha kienu diskussi waqt żjara li l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-General Workers’ Union għamlet fil-kumpanija b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tal-75 Anniversarju mill-ħolqien tal-GWU. 

Waqt din iż-żjara s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja kien infurmat bl-aħħar investimenti li qed tagħmel il-kumpanija bil-għan li tkompli tespandi l-operat tagħha f’diversi reġjuni importanti għall-industrija taż-żejt u tal-gass, b’mod speċjali fir-reġjun tal-Mediterran u anke tal-Lvant Nofsani. Fost l-aħħar żviluppi interessanti li l-kumpanija Med Serv hija involuta fihom hemm il-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta fejn qed isir studju dwar il-possibilità ta’ ħażna fuq il-baħar ta’ enerġija rinnovabbli. Fil-fatt dan l-istudju bħalissa għaddej minn fażi ta’ esperimentazzjoni fejn fil-Baċir Numru 1 kien installat prototip ta’ dan il-proġett.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, li waqt din iż-żjara kien akkumpanjat mill-President tal-GWU Victor Carachi, mid-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u mis-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall, qal li dak li qed twettaq il-kumpanija Med Serv huwa inkoraġġanti għaliex qed jassigura l-impjiegi futuri tal-ħaddiema u jipprovdi possibilità fejn il-ħaddiema jistgħu jkabbru l-ħiliet u jipprogressaw fil-karriera tagħhom. Bugeja wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-koperazzjoni li teżisti u l-aċċessibilità ta’ diskussjoni bejn iż-żewġ naħat li qed twassal għall-aktar investimenti u titjib fil-kundizzjonijiet tal-impjegati. Stqarr li dan juri kif Union attiva fuq il-postijiet tax-xogħol tista’ twassal għall-titjib li jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.

Min-naħa tiegħu l-Manager tar-Riżorsi Umani Nicholas Schembri qal li l-kollaborazzjoni bejn il-GWU u l-kumpanija hija importanti għaliex permezz tagħha l-istess kumpanija tista’ tifhem aħjar l-ħtiġiet tal-impjegati tagħha. Qal li l-klima tajba bejn iż-żewġ naħat u r-rispett li jeżisti huwa frott ta’ diskussjonijiet kontinwi kemm mal-uffiċjali tal-union kif ukoll mar-rappreżentanti tagħha fuq il-post tax-xogħol. Stqarr li grazzi għall-ġejjieni l-kumpanija se tkun qed tfittex kollaborazzjoni u ħidma akbar mal-GWU bil-għan li jsir investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema ħalli jkunu ppreparati għall-ħtiġiet tal-ġejjieni. Stqarr li huwa jemmen li l-GWU hija ideali biex tgħin fl-identifikazzjoni tal-ħiliet meħtieġa.
Cyprus   /   Our Services   /   Sicily